October 29, 2014

Bandiera gialla




            Missieri kien dejjem jgħidli – hekk kif kien jarani b’widnejja mkaħħlin mar-radju ċkejken, li kelli bokka bih ma ngħidilkomx, u nagħmel mossi stupidi bħallikieku qed jirnexxieli fil-fatt nistħajjel dak li qed nisma’ – li ma kellux ħjiel lil min ħriġt nixbah f’dak l-aspett. Għalih dan kien sinjal ieħor ta’ ribelljoni. Għaliex it-tuffieħa ma taqax dejjem qrib is-siġra, pa. Mur għidlu illi f’kamarti, ta’ spiss, il-biros tal-iskola kienu jinbidlu fi players u s-sodda fil-pitch.
            Imbagħad aktar u aktar fl-isfond tal-fatt li għall-kuntrarju tiegħu, ħsiebu biss fid-destra u fis-sinistra u fi Craxi jew f’Andreotti, jien tlajt nobgħod il-politika u kull ma jmiss magħha.
         Il-Ħadd Imqaddes, xemx jew xita, fit-tlieta ta’ wara nofsinhar b’rasu jdur min kien jidħol bejni u n-National Panasonic griż tiegħi. Ir-riħ biss, ja mnejjek, xi kultant kien jirnexxielu (sa ċertu punt) iħassar il-festi. Meta kien jitfaċċa t-textix – għax ir-riħ ġej minn Sqallija, kienet tispjegali ommi kif kienet tarani bil-geddum – arani ndur u nagħqad mad-dar insib l-aħjar pożizzjoni inkella nilgħab mal-aerial bħallikieku kien xi bakketta maġika. Ħafna drabi l-kamra tal-bejt, fiha daqs sala ta’ palazz, kienet tispiċċa ssir il-wens tiegħi għax hemm allajbierek dejjem ċar kristall kien jaqbad.
            Tgħallimt ilsien art twelidi iżjed mingħand Ameri, Provenzali, Ciotti, Giannini (dik l-ironija miċidjali tiegħu) u l-bqija tal-klikka ta’ Radio Rai milli mingħand missieri (li kien jesiġi li nitkellmu bil-Malti l-ħin kollu). U għalkemm kont inkun fuq ix-xwiek sabiex nisma’ aġġornament tar-riżultat tal-Fiorentina – għax tridu tiftakru li ġeneralment kien ikun hemm tal-anqas xi sitt grounds oħra kollegati mal-istudio ċentrali ta’ Saxa Rubra - kull radjukronaka kont nistħajjilha poeżija. Innu ta’ tifħir lill-calcio più bello del mondo (xi darba, għax illum qisu mara mimlija Botox). Imbagħad interruzzjoni (tipo Ciotti jitqanżaħ sabiex ilissen Interrompo da ...) tħabbar goal tal-Viola li kienet ittellgħani sparat il-ġenna. Mhux darba jew tnejn li bdejt inwerżaq qisni miġnun. Min jaf il-ġirien tagħna kemm–il darba ħasbu li għaddejja xi gwerra bejni u ħuti. Darba, kien żmien il-Karnival jidhirli, maħkum minn eċċitament liema bħalu għal goal ta’ Socrates, l-imbierek National Panasonic għal ftit ma kejjilx iż-żewġ sulari għoli.
            Il-Ħdud li kontra qalbi kelli naqbeż puntati – l-aktar kull meta kien jiltaqa’ l-klan Gallo fl-għelieqi tan-nannu (missier ommi) fuq riħ Xrobb l-Għaġin, fejn ir-radju ma kienx permess għal raġunijiet ta’ soċjalizzazzjoni ma’ kuġini antipatki – kont nispiċċa nasal lura d-dar anzjuż ħafna aktar mill-medja normali. Kif ġejna? Irbaħna? Min skurja? Għaliex l-ewwel u qabel kollox kien jiġi r-riżultat. Mill-wirja tat-team ftit kien jimpurtani. Almenu dak iż-żmien. T’erbatax ikollok ħabta torbot ir-riżultat mal-burdata. Għalkemm ironikament għadni nbati mill-istess vizzju sal-lum.
          Imbagħad ġirja għal fuq is-sufan b’ħerqa reliġjuża. Bit-tama li missieri: a) ikun qatagħha li jinżel sax-xatt jiltaqa’ ma’ sħabu għal żewġ flixken birra (li ġeneralment kienu jsiru għaxra) fil-bar tas-soltu; jew b) jekk jintefa’ – kif kellu ħabta jagħmel – jara l-imbierek TG1 ma jfettillux jagħmel tripletta u joqgħod jara t-TG2 u t-TG3 ukoll. Għax bħallikieku mhux kollha l-istess aħbarijiet kienu jġibu. Sakemm wara li jirnexxieli negħleb dan l-ostakli kollha ma nintebaħx li xi ħadd minn ħuti jagħmel it-televixin tiegħu u jfottili l-pipa f’sormha.
Ħalli malli titbattal il-pultruna nikkapparaha għal 90⁰ minuto fejn, matul dik in-nofs siegħa, Paolo Valenti kien jinbidel fil-gwida Danteska għall-miljuni li konna nqisu l-football l-ewwel u qabel kollox. Kien żmien ieħor. Mhux bħal-lum fejn bejn logħbiet imqassma fuq weekend sħiħ, stazzjonijiet satelittari u replays bla tmiem tista’ tara l-azzjonijiet ad infinitum (u ad nauseam ukoll).
“Amici sportivi, buona sera e ben ritrovati ...”
            Mit-televixin tal-kulur Grundig mixtri bil-kuntrabandu ovvjament – qed nitkellmu żmien Lorry Sant u l-ġbid tal-ispag u l-envelopps mimlijin liri – ħassejt l-ewwel tqanqil t’orgażmu sportiv.  Il-grinta ta’ Passarella, it-teknika t’Antognoni, il-goals ta’ Massaro u l-klassi ta’ Socrates bil-gear vjola kienu l-preludju għas-sejbiet femminili ta’ xeħta oħra aktar ‘il quddiem.
            Sakemm waslet it-telefonata, għal għarrieda biex ngħidu kollox, taz-ziju Egidio mill-peniżola. Darba f’mitt qamar konna nisimgħu b’aħbar ħu missieri, illi inzerta ż-żgħir u bniedem ta’ rasu ħafna aktar mill-medja Gallo. Mid-dehra, minn dak li kien irnexxieli nissemma’ (vizzju misħut li qtajt a spejjeż tiegħi), kien qam xi diżgwid bejn l-aħwa – ħaġa normalissima kelli nsir naf snin wara – fuq id-distribuzzjoni tal-inbejjed tal-familja fl-inħawi ta’ Greve u l-bqija tar-reġjun. Bla email jew Internet u bir-rati internazzjonali tat-TeleMalta m’għola Alla, missieri ma kellux triq oħra ħlief jitla’ pajjiżu u jieħu r-riedni f’idejh. Il-bużillis kien li zio Egidio rabtu b’kundizzjoni waħda: li miegħu nitla’ jien.
            “U għala?” issemmajt lil missieri jistaqsih.
            Ommi ma riditnix nitlef skola u x-xiħ ma ridnix mas-saqajn. U fuq kollox jien ma stajtx nifhem x’ried minni dan l-imbierek ziju Egidio li d-drabi li kellimtu stajt tgħoddhom fuq id waħda u li d-drabi li tlajna hemm għall-btajjel tas-sajf rajnieh darba fil. Kellna biss weekend imma dawk it-tnejn u sebgħin siegħa kienu landmark fl-istorja ta’ Victor Gallo.
B’dispjaċir kelli nħalli n-National Panasonic warajja.
            “Jekk iġġibu, ma jinżilx lura Malta,” amarli l-pa. Ammen.
Fost ħafna tilwim u argumenti u ġiti fid-dwieli ma jispiċċaw qatt fl-għoljiet ta’ Greve (eh il-Chianti, aħjar nferra’ tazza ar’hemm, wara kollox barra dalam) il-bandiera s-safra għamlet l-intro tagħha f’ħajti.
       Sibtha fuq soddti u bqajt imsaħħar. Rettangolari u taċ-ċarruta u ċkejkna u marbuta ma’ pajp tal-conduit. Ma kellha xejn miktub fuqha.
Kont naf li ta’ xejn insaqsi lill-pa. Anke għaliex dakinhar – avolja l-Ħadd Imqaddes – kien mar Empoli, ma’ żewġ ħutu oħra, fuq xogħol. Qbadtha f’idi u tlaqt niġri nxejjirha qisni l-iblah. Wara kollox fuq il-bjut u fil-gallariji – għalkemm kienet diġà għaddiet fuq sena mir-rebħa tal-Mundjal – kienet għadha tperper it-Tricolor. Sakemm ħbatt fiz-zio Egidio, bħal dejjem bla tbissima, iżomm xi ħaġa f’idu: żewġ biljetti għal Fiorentina vs Juventus. Il-ġiżualla!
“Porta la bandiera gialla, dai!”
Naħseb qatt daqs dakinhar, ġewwa l-Fiat Cinquecento ħamra (iz-ziju kien komunist aħrax), qalbi ma ħabbtet daqshekk bil-qawwi daqslikieku kont ħa niġi wiċċ imb wiċċ ma’ xi ħaġa ta’ barra minn din id-dinja.
            Lo Bello referee. Ground mimli sa ruħ ommu. Incasso record. Il-mibgħuda Juventus. Trapattoni. Platini. Viżibilità baxxa għal ġuvnott bħali. Dagħa. Sfottò. Xita ta’ goals. Linesman jgħolli l-bandiera safra. Picchio De Sisti. Ground qisu arena. Ballun tiela’ u nieżel.
            Formazzjoni: Galli, Cuccureddu, Contratto, Passarella, Carobbi, Bertoni, Iachini, Oriali, Antognoni, Massaro, Monelli.
            Kelli nfittixha għax il-memorja żmagata u erba’ xeni biss baqgħu stampati f’moħħi: i) Galli ċċassat bejn il-lasti; ii) il-logħba kbira tal-Capitano; iii) iż-żewġ goals ta’ Bertoni; u iv) l-offiżi taz-ziju lejn il-familjari ta’ Contratto li bl-autogoal tiegħu tellifna rebħa.
            Minkejja t-3-3, minkejja li draw mal-Juve kien ifisser qisu telfa, mill-Artemio Franchi ħriġt inxejjer il-bandiera s-safra. Anke għaliex kont għadni fis-seba’ sema u iżjed minn hekk għaliex rajt liz-ziju wisq bil-buri.
            Imma minflok ġbidna lejn il-Fiat Cinquecento, ipparkjata kif ġie ġie, dħalna f’taverna mimlija rġiel iħambqu dwar il-wirja u r-riżultat u l-kurnut Lo Bello u i pezzi di merda degli Agnelli.
            U hemm ġew xufftejja, għall-ewwel darba, qalu hello lill-alkoħol. Sakemm wasalna lura Greve qisna żewġ baħrin. Snin wara kelli nifhem x’kien il-pjan djaboliku taz-ziju.  
             Minħabba l-bandiera gialla z-ziju Egidio u missieri baqgħu sa mewthom ma jarawx għajn m'għajn.


          

2 comments: